X’inhi l-Frontex?

Il-Frontex, l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta, ġiet stabbilita fl-2004 sabiex tgħin lill-Istati Membri tal-UE u lill-Pajjiżi Assoċjati ma’ Schengen jipproteġu l-fruntiera esterni taż-żona tal-moviment liberu tal-UE. Bħala Aġenzija tal-UE, il-Frontex hija ffinanzjata mill-baġit tal-UE kif ukoll minn kontribuzzjonijiet mill-Pajjiżi Assoċjati ma’ Schengen. Sal-2020, l-Aġenzija għandha timpjega madwar 1,000 membru tal-persunal, li kważi kwart minnhom huma ssekondati mill-Istati Membri u se jmorru lura għand is-servizz nazzjonali tagħhom wara li jtemmu l-mandat tagħhom mal-Frontex.

Fl-2016, l-Aġenzija espandiet u tjiebet biex saret l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta, u b’hekk ir-rwol tagħha twessa’ mill-kontroll tal-migrazzjoni għall-ġestjoni tal-fruntieri u żdiedet ukoll ir-responsabbiltà tagħha fil-ġlieda kontra l-kriminalità transkonfinali. Il-Frontex issa hija rikonoxxuta bħala wieħed mill-pedamenti tal-qasam tal-libertà, tas-sigurtà u tal-ġustizzja tal-UE. It-tiftix u s-salvataġġ saru wkoll uffiċjalment parti mill-mandat tagħha kull meta jseħħu sitwazzjonijiet bħal dawn fil-kuntest tas-sorveljanza tal-fruntieri marittimi.

Il-Frontex hija aġenzija operattiva, b’aktar minn 1500 uffiċjal mill-Istati Membri skjerati madwar l-UE fi kwalunkwe ħin. Iċ-ċentru tas-sitwazzjonijiet tal-Frontex, li huwa responsabbli għall-monitoraġġ tal-fruntieri esterni, issa jopera 24 siegħa kuljum sabiex itejjeb il-kapaċità tagħha li żżomm rendikont ta’ sitwazzjonijiet ġodda u li qed jiżviluppaw malajr.

We use cookies on our website to support technical features that enhance your user experience.
More information