Il-prinċipju
tat-trasparenza u d-drittijiet tal-individwi li jaċċessaw dokumenti tal-korpi
tal-UE huma stipulati kemm fl-Artikolu 15 tat-TFUE kif ukoll
fl-Artikolu 42 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE u implimentati
permezz tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001
tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess
pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni
(Regolament (KE) Nru 1049/2001).
Ir-rabta
tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 mal-qafas tal-Frontex hija enfasizzata
mill-ġdid fl-Artikolu 74 tar-Regolament dwar il-Gwardja Ewropea
tal-Fruntiera u tal-Kosta.
Il-qafas intern
għall-Aċċess Pubbliku għad-Dokumenti miżmuma mill-Frontex huwa stabbilit
mid-Deċiżjoni tal-Bord tat-Tmexxija tal-Frontex Nru 25/2016
tal-21 ta’ Settembru 2016.
Kwalunkwe ċittadin
tal-UE, kif ukoll kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li tgħix jew li għandha
uffiċċju reġistrat fl-UE għandha d-dritt li taċċessa dokumenti miżmuma
mill-Frontex, soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (KE)
Nru 1049/2001.
Biex tikkonferma li
għandek id-dritt li tapplika għal aċċess għad-dokumenti, inti trid tipprovdi
forma ta’ identifikazzjoni/prova tal-prokura tiegħek għal persuna ġuridika li
tgħix jew li għandha uffiċċju reġistrat fl-UE.
Jekk jogħġbok
ippreżenta t-talba tiegħek bħala attachment ta’ email f’format PDF, ASICE,
ADOC, BDOC jew EDOC, iffirmata elettronikament permezz ta’ firma elettronika
kwalifikata skont ir-Regolament dwar l-eDIAS (ir-Regolament
(UE) Nru 910/2014). Jekk inti m'għandekx dan il-mezz ta’
identifikazzjoni, jekk jogħġbok ipprovdi karta tal-ID/passaport/permess ta'
residenza għall-UE (persuni fiżiċi) jew ippreżenta r-reġistrazzjoni tal-entità
tiegħek fi Stat Membru tal-UE u prokura li tawtorizzak taġixxi f’isem din
l-entità (persuni ġuridiċi).
Biex il-Frontex tkun
tista’ tidentifika d-dokument(i) li applikajt għalih(om), jekk jogħġbok kun
ċert li l-applikazzjoni tiegħek tkun preċiża kemm jista’ jkun.
L-applikazzjonijiet
għandhom jintbagħtu hawn jew bil-posta:
Transparency Office
Frontex
Pl. Europejski 6
00-844 Varsovia
Polonia
Il-Kontrollur
tad-Data huwa l-Uffiċċju tat-Trasparenza stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Bord
tat-Tmexxija Nru 25/2016 tal-21 ta’ Settembru 2016. Indirizz fiżiku u
tal-posta: Pl. Europejski 6 (00-844 Warsaw- PL); email: pad@frontex.europa.eu.
L-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data jista’ jiġi kkuntattjat fuq dataprotectionoffice@frontex.europa.eu.
Il-konformità mar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tenħtieġ l-ipproċessar
ta’ data personali mill-kontrollur.
Dawk li jirċievu
d-data huma membri tal-persunal tal-Frontex iddedikati sabiex jipproċessaw
applikazzjoni għal aċċess pubbliku għal dokumenti. Mhu se jkun hemm l-ebda
trasferiment internazzjonali tad-data. Id-data se tinħażen għal perjodu ta’
ħames snin, mill-mument tal-għeluq tal-fajl.
L-applikanti għandhom
id-dritt li jaċċessaw, jirrettifikaw, jirrestrinġu, joġġezzjonaw u jħassru
d-data tagħhom, kif ukoll li jitolbu l-portabbiltà tad-data. L-applikanti
jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom permezz tal-Uffiċċju ta’ Trasparenza u
jistgħu jressqu lment quddiem il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data.
Il-forniment tad-data
huwa rekwiżit statutorju tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001. Jekk ma tingħatax
data, applikazzjoni ma tkunx ammissibbli.
Ma jsirx proċess ta’
teħid ta’ deċiżjonijiet jew tfassil ta’ profili awtomatizzat.