X’inhi l-Frontex?

Il-Frontex, l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta, ġiet stabbilita fl-2004 sabiex tgħin lill-Istati Membri tal-UE u lill-Pajjiżi Assoċjati ma’ Schengen jipproteġu l-fruntiera esterni taż-żona tal-moviment liberu tal-UE. Bħala Aġenzija tal-UE, il-Frontex hija ffinanzjata mill-baġit tal-UE kif ukoll minn kontribuzzjonijiet mill-Pajjiżi Assoċjati ma’ Schengen. Sal-2020, l-Aġenzija għandha timpjega madwar 1,000 membru tal-persunal, li kważi kwart minnhom huma ssekondati mill-Istati Membri u se jmorru lura għand is-servizz nazzjonali tagħhom wara li jtemmu l-mandat tagħhom mal-Frontex.

Fl-2016, l-Aġenzija espandiet u tjiebet biex saret l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta, u b’hekk ir-rwol tagħha twessa’ mill-kontroll tal-migrazzjoni għall-ġestjoni tal-fruntieri u żdiedet ukoll ir-responsabbiltà tagħha fil-ġlieda kontra l-kriminalità transkonfinali. Il-Frontex issa hija rikonoxxuta bħala wieħed mill-pedamenti tal-qasam tal-libertà, tas-sigurtà u tal-ġustizzja tal-UE. It-tiftix u s-salvataġġ saru wkoll uffiċjalment parti mill-mandat tagħha kull meta jseħħu sitwazzjonijiet bħal dawn fil-kuntest tas-sorveljanza tal-fruntieri marittimi.

Il-Frontex hija aġenzija operattiva, b’aktar minn 1500 uffiċjal mill-Istati Membri skjerati madwar l-UE fi kwalunkwe ħin. Iċ-ċentru tas-sitwazzjonijiet tal-Frontex, li huwa responsabbli għall-monitoraġġ tal-fruntieri esterni, issa jopera 24 siegħa kuljum sabiex itejjeb il-kapaċità tagħha li żżomm rendikont ta’ sitwazzjonijiet ġodda u li qed jiżviluppaw malajr.


Bażi ġuridika u responsabbiltà

Il-Frontex, l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta, ġiet stabbilita bir-Regolament (UE) 2016/1624 tal-14 ta’ Settembru 2016 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta (ĠU L 251, 16.9.2016, p. 1). Is-sede tal-Frontex tinsab f'Varsavja, il-Polonja.

Għalkemm l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta tissostitwixxi lill-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta' Kooperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, hija għandha l-istess personalità ġuridika u hija magħrufa bl-istess isem: Frontex.

Il-Frontex tinsab f’kuntatt kostanti mal-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE. L-Aġenzija tagħmel kull sforz biex tkun trasparenti fl-attivitajiet tagħha, u għal dan il-għan id-Direttur Eżekuttiv regolarment jipparteċipa fi u jinforma s-seduti ta’ smigħ fil-laqgħat tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-UE tal-ministri responsabbli għall-affarijiet interni u l-migrazzjoni. B’dan il-mod, il-Frontex tissodisfa r-responsabbiltà tagħha lejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill bħala awtoritajiet baġitarji.

Fuq kollox, il-Frontex hija ssorveljata minn Bord ta’ Tmexxija li jinkludi rappreżentant wieħed minn kull Stat Membru u tnejn mill-Kummissjoni (ara t-taqsima hawn taħt għal aktar informazzjoni). Bħall-korpi kollha tal-UE, il-Frontex tista’ tkun soġġetta wkoll għal awditi mill-Qorti tal-Awdituri, jew għal investigazzjonijiet mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi, l-OLAF.

Aktar dokumenti ewlenin li jkopru l-bażi ġuridika u responsabbiltà tal-Aġenzija u r-responsabbiltà huma disponibbli (bl-Ingliż) hawnhekk:

Strumenti legali

Deċiżjonijiet tal-Bord tat-Tmexxija

Minuti tal-Bord tat-Tmexxija


Viżjoni, Missjoni u Valuri

Il-Viżjoni Tagħna
Nissalvagwardjaw il-Qasam Ewropew tal-Libertà, is-Sigurtà u l-Ġustizzja

Il-missjoni tagħna
Flimkien mal-Istati Membri, niżguraw fruntieri esterni siguri, li jiffunzjonaw tajjeb u li jipprovdu sikurezza

Il-Valuri Tagħna

Aħna professjonali
Għandna l-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi meħtieġa sabiex inwettqu l-missjoni tagħna b’mod effiċjenti bi standards etiċi għoljin u kontinwament nistinkaw għall-eċċellenza sabiex intejbu l-prestazzjoni tagħna.

Aħna rispettużi
Aħna nirrikonoxxu lill-persuni, lill-istituzzjonijiet u r-rwoli tagħhom u nirrispettawhom għax inqisuhom siewja u importanti.

Infittxu l-kooperazzjoni
Flimkien mal-awtoritajiet nazzjonali rilevanti tal-Istati Membri tal-UE, bil-parteċipazzjoni ta’ partijiet ikkonċernati oħrajn aħna nġestixxu l-fruntieri esterni tal-UE u nfittxu l-kooperazzjoni ma’ pajjiżi li mhumiex fl-UE.

Flimkien, nikkooperaw u nikkollaboraw fi ħdan l-organizzazzjoni kif ukoll ma’ partijiet ikkonċernati esterni sabiex niksbu miri u objettivi komuni.

Aħna responsabbli
Aħna affidabbli fit-twettiq tar-responsabbiltajiet tagħna fix-xogħol tagħna, fil-puntwalità u fil-kwalità tiegħu.

Aħna nagħtu kas
Bħala aġenti pubbliċi Ewropej aħna nservu l-interessi taċ-ċittadini peress li nagħtu kas in-nies u nemmnu fil-valuri Ewropej.


Bord tat-Tmexxija

Il-Bord tat-Tmexxija japprova l-baġit u jivverifika t-twettiq tiegħu, jaħtar lid-Direttur Eżekuttiv u lid-Deputat Direttur Eżekuttiv, u jiżgura t-trasparenza tal-proċeduri ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet tal-Aġenzija. Bħala r-rappreżentant legali tal-Aġenzija, l-attivitajiet tad-Direttur Eżekuttiv jagħtu rendikont dirett lil dan il-korp governattiv.

Il-Bord tat-Tmexxija, li jiltaqa’ ħames darbiet fis-sena, huwa magħmul minn rappreżentanti tal-kapijiet tal-awtoritajiet tal-fruntieri tas-26 Stat Membru tal-UE marbuta mid-dispożizzjonijiet dwar iż-Żona Schengen, kif ukoll żewġ membri tal-Kummissjoni Ewropea. L-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja u l-Iżvizzera, li mhumiex Stati Membri tal-UE iżda huma Pajjiżi Assoċjati ma’ Schengen, ukoll jibagħtu rappreżentant lill-Bord tat-Tmexxija, iżda għandhom drittijiet tal-vot limitati.

Rappreżentanti tar-Renju Unit u tar-Repubblika tal-Irlanda huma wkoll mistiedna jieħdu sehem fil-laqgħat tal-Bord tat-Tmexxija, iżda ma għandhomx drittijiet tal-vot minħabba d-deċiżjoni tagħhom (qabel l-istabbiliment tal-Frontex fl-2004) li jipparteċipaw biss parzjalment fil-kooperazzjoni ta’ Schengen.


Responsabbiltajiet ewlenin

Skjerament fuq il-post
L-aġenzija tipprovdi uffiċjali tal-infurzar tal-liġi mill-Istati Membri u mill-Pajjiżi Assoċjati ma’ Schengen, flimkien ma’ bastimenti, ajruplani u tagħmir għas-sorveljanza tal-fruntieri lil żoni tal-fruntieri esterni flimkien ma’ għajnuna addizzjonali. Minbarra l-kontroll fuq il-fruntiera, l-operazzjonijiet ta’ Frontex ikopru kompiti relatati ma’ sikurezza marittima, kontrolli tas-sigurtà, tiftix u salvataġġ u protezzjoni ambjentali.

Analiżi tar-riskju
Frontex tivvaluta r-riskji għas-sigurtà tal-fruntiera tal-UE Hija tibni stampa ta’ xejriet u tendenzi fil-migrazzjoni irregolari u l-attivitajiet kriminali transkonfinali. L-aġenzija tikkondividi s-sejbiet tagħha mal-pajjiżi tal-UE u mal-Kummissjoni Ewropea u tużahom għall-ippjanar tal-attivitajiet futuri tagħha. L-attivitajiet kollha ta’ Frontex huma ggwidati mill-analiżi tar-riskju

Monitoraġġ tas-sitwazzjoni
Frontex kontinwament timmonitorja l-fruntieri esterni tal-Unjoni Ewropea, twassal aġġornamenti u twissijiet lill-Istati Membri tal-UE u lill-Pajjiżi Assoċjati ma’ Schengen, il-Kummissjoni Ewropea u aġenziji oħra. 

Valutazzjoni tal-vulnerabbiltà
L-aġenzija twettaq evalwazzjonijiet annwali tal-kapaċità u t-tħejjija ta’ kull Stat Membru u ta’ kull Pajjiż Assoċjat ma’ Schengen biex jiffaċċjaw sfidi fil-fruntieri esterni tagħhom, inkluża pressjoni migratorja. Frontex tiskjera uffiċjali ta’ kollegament fl-Istati Membri tal-UE biex jgħinu lill-aġenzija żżomm stampa komprensiva tal-kontroll fuq il-fruntiera fil-livell tal-UE.

Kooperazzjoni Ewropea dwar il-Funzjonijiet tal-Gwardja tal-Kosta
L-aġenzija tappoġġa l-kooperazzjoni tal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, tal-aġenziji tal-UE u tad-dwana fil-fruntieri marittimi. Dgħajjes u ajruplani skjerati fl-operazzjonijiet tagħha jiġbru u jikkondividu wkoll informazzjoni rilevanti mal-kontroll tas-sajd, mal-identifikazzjoni tat-tniġġis u mal-konformità mar-regolamenti marittimi.

Kondiviżjoni ta’ intelliġenza dwar attivitajiet kriminali
L-aġenzija tikkondividi l-intelliġenza miġbura fil-fruntieri mal-awtoritajiet nazzjonali rilevanti, mal-Europol u ma’ aġenziji Ewropej oħra. Din tinkludi informazzjoni dwar persuni suspettati b’involviment f’attivitajiet kriminali, bħat-traffikar tal-migranti, it-traffikar tal-bnedmin u t-terroriżmu.

Operazzjonijiet ta’ Ritorn
Frontex għandha rwol dejjem aktar importanti fir-ritorn ta’ persuni li mhumiex intitolati li jibqgħu fl-Unjoni Ewropea lejn il-pajjiżi tal-oriġini tagħhom. L-aġenzija tgħin lill-Istati Membri fil-koordinazzjoni u fil-finanzjament ta’ operazzjonijiet ta’ ritorn, iżda tista’ wkoll tnedihom fuq l-inizjattiva proprja tagħha. Għal dan il-għan, Frontex tista’ tagħmel titjiriet charter u tibbukkja s-sits fuq titjiriet kummerċjali. L-aġenzija tgħin ukoll biex jinkisbu d-dokumenti tal-ivvjaġġar neċessarji għall-persuni li jiġu rritornati u tipprovdi esperti biex jgħinu bl-operazzjonijiet ta’ ritorn.

Relazzjonijiet esterni
Il-kooperazzjoni mal-pajjiżi barra l-UE u ż-żona ta’ Schengen hija parti integrali tal-mandat ta’ Frontex u waħda mill-prijoritajiet strateġiċi għall-aġenzija. Sabiex tiżgura l-implimentazzjoni tal-ġestjoni integrata Ewropea tal-fruntieri (IBM), Frontex tiżviluppa u żżomm netwerk ta’ sħubijiet mal-awtoritajiet tal-fruntieri fi stati mhux tal-UE, partikolarment dawk li huma ġirien tal-UE u l-pajjiżi tal-oriġini u ta’ tranżitu tal-migranti. L-aġenzija tiskjera wkoll uffiċjali ta’ kollegament barra l-UE milquta mill-migrazzjoni irregolari.

Reazzjoni rapida
Frontex hija kapaċi li tiskjera malajr gwardji tal-fruntiera u tal-kosta u tagħmir fl-Istati Membri tal-UE u fil-Pajjiżi Assoċjati ma’ Schengen li jiffaċċjaw emerġenza fuq il-fruntieri esterni tagħhom. L-Istati Membri għandhom jipprovdu sa mhux aktar minn 1500 uffiċjal mir-riżerva ta’ reazzjoni rapida fuq talba mill-aġenzija.

Riċerka u Innovazzjoni
Frontex tlaqqa’ flimkien esperti tal-kontroll fuq il-fruntiera mar-riċerka u l-industrija biex tiżgura li t-teknoloġija l-ġdida tissodisfa l-bżonnijiet tal-awtoritajiet tal-kontroll fuq il-fruntiera.

Taħriġ
Frontex tiżviluppa standards ta’ taħriġ komuni għall-awtoritajiet tal-fruntieri, biex tarmonizza l-edukazzjoni tal-gwardji tal-fruntiera u tal-kosta fl-UE u fil-Pajjiżi Assoċjati ma’ Schengen. Dan huwa maħsub biex jiżgura li kull fejn il-vjaġġaturi jaqsmu fruntiera esterna tal-UE, huma jiltaqgħu ma’ standards uniformi ta’ kontroll fuq il-fruntiera.  Dan jippermetti wkoll lill-gwardji tal-fruntiera u tal-kosta minn pajjiżi differenti biex jaħdmu flimkien b’mod effiċjenti meta jkunu skjerati f’operazzjonijiet tal-Frontex.


Operazzjonijiet Konġunti

Operazzjonijiet konġunti huma l-aktar viżibbli fost l-attivitajiet tal-aġenzija. Frontex tiskjera mijiet ta’ uffiċjali tal-gwardja tal-fruntiera u tal-kosta, flimkien  ma’ dgħajjes, karozzi, ajruplani u tagħmir ieħor biex tgħin lill-Istati Membri li qegħdin jiffaċċjaw sfidi fil-fruntieri esterni tal-UE. Dawn l-operazzjonijiet iseħħu fil-fruntieri tal-baħar u fuq l-art tal-Ewropa, kif ukoll fl-ajruporti internazzjonali. Bħalissa Frontex tiddependi l-aktar fuq l-Istati Membri tal-UE u fuq il-Pajjiżi Assoċjati  ma’ Schengen biex jipprovdu l-uffiċjali speċjalizzati u t-tagħmir għall-operazzjonijiet tagħha, iżda l-aġenzija qed tersaq lejn il-kiri u x-xiri tat-tagħmir tagħha stess. Frontex tista’ sserraħ ukoll fuq ir-riżerva ta’ mill-inqas 1 500 uffiċjal li jistgħu jiġu skjerati fi żmien ħamest ijiem biex jindirizzaw emerġenzi fil-fruntieri tal-Ewropa.

Filwaqt li l-operazzjonijiet tal-baħar tal-aġenzija li qed jseħħu fil-Mediterran jappoġġaw lill-Italja, lill-Greċja u lil Spanja fl-indirizzar tal-pressjoni migratorja, l-operazzjonijiet kollha tal-aġenzija jgħinu wkoll biex jiġu indirizzati diversi forom ta’ kriminalità transkonfinali. L-operazzjonijiet tal-baħar jinkludu kompiti addizzjonali, bħall-monitoraġġ ta’ tniġġis u sajd illegali. Dawn huma implimentati bil-kooperazzjoni ta’ aġenziji oħra tal-UE, speċjalment l-Europol, l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (EMSA) u l-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd (EFCA).


Infurzar tal-liġi

Frontex għandha rwol essenzjali fit-tisħiħ tas-sigurtà interna taż-żona ta’ Schengen permezz tal-monitoraġġ tal-fruntieri esterni tagħha, it-twettiq ta’ kontrolli tas-sigurtà u l-operazzjonijiet ta’ ritorn u l-kooperazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali u mal-Europol.

Frontex tikkontribwixxi wkoll għall-ġlieda kontra t-terroriżmu billi tgħin lill-Istati Membri jagħmlu kontrolli aktar stretti fuq il-fruntieri esterni u tappoġġa l-identifikazzjoni ta’ ġellieda terroristi barranin potenzjali. L-uffiċjali skjerati minn Frontex huma mħarrġa biex jidentifikaw persuni li jistgħu jkunu marbuta mat-terroriżmu.


Ir-rwol ta’ Frontex fl-operazzjonijiet ta’ tiftix u ta’ salvataġġ

Il-parteċipazzjoni fl-operazzjonijiet ta’ tiftix u salvataġġ dejjem kienet prijorità għal Frontex u hija mnaqqxa ir-regolament tal-UE li ħoloq il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta. Frontex hija obbligata li tipprovdi għajnuna teknika u operazzjonali fil-baħar b’appoġġ għall-operazzjonijiet ta’ salvataġġ li jistgħu jinqalgħu matul operazzjonijiet ta’ sorveljanza tal-fruntieri.

L-attivitajiet ta’ tiftix u salvataġġ huma wkoll objettiv speċifiku tal-pjan operazzjonali ta’ kull operazzjoni tal-baħar ta’ Frontex.

Bejn l-2015 u l-2017, Frontex ikkontribwixxiet għas-salvataġġ ta’ 280 000 persuna fil-Baħar Mediterran.


Drittijiet fundamentali

Ir-rispett u l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali huma fil-qalba tal-attivitajiet kollha tal-Frontex. Il-persunal tal-Aġenzija u l-uffiċjali nazzjonali li jipparteċipaw fl-operazzjonijiet tal-Frontex jingħataw taħriġ dwar id-drittijiet fundamentali u l-aċċess għall-protezzjoni internazzjonali qabel jiġu skjerati, filwaqt li l-obbligu ta’ rappurtar ta’ ksur potenzjali ta’ drittijiet fundamentali huwa integrat f’kull pjan operazzjonali.

Uffiċjal tad-drittijiet fundamentali li huwa indipendenti fit-twettiq tad-dmirijiet kollha tiegħu jew tagħha jirrapporta direttament lill-Bord tat-Tmexxija, u jikkoopera mal-Forum Konsultattiv dwar id-Drittijiet Fundamentali. Il-Forum Konsultattiv jassisti lid-Direttur Eżekuttiv u lill-Bord tat-Tmexxija b’pariri indipendenti dwar kwistjonijiet ta’ drittijiet fundamentali. Huwa magħmul minn tliet membri permanenti, tliet organizzazzjonijiet internazzjonali, u disa’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili magħżula għal terminu ta’ tliet snin:

Membri permanenti:

  • Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA)
  • Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-Qasam tal-Asil (EASO)
  • Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati (UNHCR)

Organizzazzjonijiet internazzjonali:

  • Il-Kunsill tal-Ewropa (KtE)
  • Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni (IOM)
  • Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE)

Organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili attwalment rappreżentati:

  • Ċentru AIRE
  • Uffiċċju tal-Istituzzjonijiet Ewropej ta’ Amnesty International (AI - EIO)
  • Caritas Europa
  • Il-Kummissjoni tal-Knejjes għall-Migranti fl-Ewropa (CCME)
  • Il-Kunsill Ewropew għar-Refuġjati u l-Eżiljati (ECRE)
  • Il-Kummissjoni Internazzjonali tal-Ġuristi (QIĠ)
  • Servizz tal-Ġiżwiti għar-Refuġjati (JRS)
  • Pjattaforma għall-Kooperazzjoni Internazzjonali dwar il-Migranti Mingħajr Dokumenti (PICUM)
  • Uffiċċju tal-UE tas-Salib l-Aħmar (RCEU)

Mistoqsijiet rigward l-oqsma koperti mill-Uffiċċju tad-Drittijiet Fundamentali għandhom jiġu indirizzati lil FRO@frontex.europa.eu

Ilmenti

F’konformità mar-Regolament dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta, l-Aġenzija ħolqot mekkaniżmu għall-ilmenti li jippermetti lil kull min jaħseb li d-drittijiet tiegħu ġew affettwati mill-operazzjonijiet tagħha li jirrapporta kwalunkwe ksur possibbli tad-drittijiet tiegħu.

Jekk taħseb li d-drittijiet tiegħek inkisru mill-azzjonijiet ta’ xi membru tal-persunal involut f’attività tal-Frontex, tista’ tressaq ilment.

L-ilment tiegħek irid isir bil-miktub, iżda persuna oħra, bħal membru tal-familja jew avukat, tista’ tagħmel l-ilment f’ismek. L-ilment tiegħek jista’ jkun fi kwalunkwe lingwa.

Biex tressaq ilment, jekk jogħġbok segwi din il-link.


Trasparenza u informazzjoni

Talbiet għal informazzjoni

Talbiet għal informazzjoni, mistoqsijiet ġenerali u speċifiċi dwar il-Frontex u l-ħidma tagħha, talbiet għal intervisti, talbiet għal data statistika, jew mistoqsijiet dwar rapporti ppubblikati fuq is-sit web tagħna għandhom jintbagħtu lil:

question@frontex.europa.eu

Talbiet ta’ midja:

press@frontex.europa.eu

Aċċess għad-Dokumenti mill-Pubbliku

Qafas legali
Il-prinċipju tat-trasparenza u d-drittijiet tal-individwi li jaċċessaw dokumenti tal-korpi tal-UE huma stipulati kemm fl-Artikolu 15 tat-TFUE kif ukoll fl-Artikolu 42 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE u implimentati permezz tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (Regolament (KE) Nru 1049/2001).

Ir-rabta tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 mal-qafas tal-Frontex hija enfasizzata mill-ġdid fl-Artikolu 74 tar-Regolament dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta.

Il-qafas intern għall-Aċċess Pubbliku għad-Dokumenti miżmuma mill-Frontex huwa stabbilit mid-Deċiżjoni tal-Bord tat-Tmexxija tal-Frontex Nru 25/2016 tal-21 ta’ Settembru 2016.

Applikazzjonijiet
Kwalunkwe ċittadin tal-UE, kif ukoll kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li tgħix jew li għandha uffiċċju reġistrat fl-UE għandha d-dritt li taċċessa dokumenti miżmuma mill-Frontex, soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1049/2001.

Biex tikkonferma li għandek id-dritt li tapplika għal aċċess għad-dokumenti, inti trid tipprovdi forma ta’ identifikazzjoni/prova tal-prokura tiegħek għal persuna ġuridika li tgħix jew li għandha uffiċċju reġistrat fl-UE.

Jekk jogħġbok ippreżenta t-talba tiegħek bħala attachment ta’ email f’format PDF, ASICE, ADOC, BDOC jew EDOC, iffirmata elettronikament permezz ta’ firma elettronika kwalifikata skont ir-Regolament dwar l-eDIAS (ir-Regolament (UE) Nru 910/2014). Jekk inti m'għandekx dan il-mezz ta’ identifikazzjoni, jekk jogħġbok ipprovdi karta tal-ID/passaport/permess ta' residenza għall-UE (persuni fiżiċi) jew ippreżenta r-reġistrazzjoni tal-entità tiegħek fi Stat Membru tal-UE u prokura li tawtorizzak taġixxi f’isem din l-entità (persuni ġuridiċi).

Biex il-Frontex tkun tista’ tidentifika d-dokument(i) li applikajt għalih(om), jekk jogħġbok kun ċert li l-applikazzjoni tiegħek tkun preċiża kemm jista’ jkun.

L-applikazzjonijiet jistgħu jintbagħtu bil-posta jew b’email lil:
Transparency Office
Frontex

Pl. Europejski 6

00-844 Varsovia

Polonia

pad@frontex.europa.eu
o frontex@frontex.europa.eu

Ipproċessar

  • L-applikazzjoni tiegħek, li għandha tinkludi l-prova tal-eliġibbiltà meħtieġa, tiġi rikonoxxuta u pproċessata fi żmien 15-il jum ta’ xogħol mir-reġistrazzjoni tal-applikazzjoni tiegħek
  • F’każijiet eċċezzjonali, dak it-terminu preskrittiv jista’ jiġi estiż bi 15-il jum ta' xogħol
  • Il-Frontex twieġeb bil-miktub
  • F’każ ta’ rifjut sħiħ jew parzjali tal-applikazzjoni tiegħek, il-Frontex se tagħtik ġustifikazzjoni
  • Fi żmien 15-il jum ta' xogħol minn meta tirċievi t-tweġiba ta’ rifjut ta’ aċċess sħiħ jew parzjali mill-Frontex, inti tista’ tapplika għar-rikunsiderazzjoni tad-deċiżjoni inizjali tal-Frontex permezz ta’ applikazzjoni konfermatorja

Avviż dwar il-Protezzjoni tad-Data
Il-Kontrollur tad-Data huwa l-Uffiċċju tat-Trasparenza stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Bord tat-Tmexxija Nru 25/2016 tal-21 ta’ Settembru 2016. Indirizz fiżiku u tal-posta: Pl. Europejski 6 (00-844 Warsaw- PL); email: pad@frontex.europa.eu.

L-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data jista’ jiġi kkuntattjat fuq dataprotectionoffice@frontex.europa.eu.

Il-konformità mar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tenħtieġ l-ipproċessar ta’ data personali mill-kontrollur.

Dawk li jirċievu d-data huma membri tal-persunal tal-Frontex iddedikati sabiex jipproċessaw applikazzjoni għal aċċess pubbliku għal dokumenti. Mhu se jkun hemm l-ebda trasferiment internazzjonali tad-data. Id-data se tinħażen għal perjodu ta’ ħames snin, mill-mument tal-għeluq tal-fajl.

L-applikanti għandhom id-dritt li jaċċessaw, jirrettifikaw, jirrestrinġu, joġġezzjonaw u jħassru d-data tagħhom, kif ukoll li jitolbu l-portabbiltà tad-data. L-applikanti jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom permezz tal-Uffiċċju ta’ Trasparenza u jistgħu jressqu lment quddiem il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data.

Il-forniment tad-data huwa rekwiżit statutorju tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001. Jekk ma tingħatax data, applikazzjoni ma tkunx ammissibbli.

Ma jsirx proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet jew tfassil ta’ profili awtomatizzat.


Kuntatt

Ġeneral
Plac Europejski 6                                                 
00-844 Warsaw
Poland
frontex@frontex.europa.eu
(48 22) 205 95 00

Stampa
Izabella Cooper + 48 667 667 292
Ewa Moncure    +48 785 001 374
press@frontex.europa.eu


Dokumenti & Pubblikazzjonijiet


Multimedja

We use cookies on our website to support technical features that enhance your user experience.
More information